Press

Introduzzjoni

Il-prijoritajiet tal-Kunsill huma l-edukazzjoni, u ż-żghażagh, b’mod speċjali dawk li jattendu l-Universita’ ta’ Malta u l-Junior College. Huwa fid-dmir tagħna bħala Kunsill li ngħarblu sew dak kollu li ntqal fil-baġit ta’ din is-sena minn lenti indipendenti u mingħajr ebda partiġġianiżmu politiku. Nemmnu illi l-istudenti huma l-futur ta’ dan il-pajjiz, u huwa filfatt għalhekk li aħna nagħtu daqshekk prijorita’ lil dan id-dokument annwali li jfisser daqstant għal pajjizna. Għaldaqstant, f’dan id-dokument wieħed jista’ jsib il-pożizzjoni tagħna dwar dak kollu li, b’xi mod jew iehor, jaffetwa, b’mod pożittiv jew negattiv, lill-istudent, kif ukoll dak li fl-opinjoni tagħna ma ġiex mogħti biżżejjed importanza fil-baġit ta din is-sena.

COLA

Skont il-Cost of Living Allowance, li, din is-sena, l-gvern offra lill-poplu Malti ammont ta €1.75, l-istudent ser ikun qiegħed jiggwadanja mill-pro rata bħal kwalunkwe ċittadin ieħor. Għalkemm napprezzaw din iż-żieda, nemmnu li għad fadal ħafna x’isir sabiex inkunu nistgħu noffru lill-istudenti stipendju b’saħħtu biżżejjed li jagħmel l-istudji sostenebbli, mingħajr ma joħloq diffikulta lill-istudent biex ilaħaq mal-ħajja.

Stipendju għall-istudenti maturi

Il-Kunsill jinsab kuntent ħafna b’din il-klawżola fil-baġit ta’ din is-sena. Din fiha nnifisha kienet proposta li l-Kunsill kien ilu jgħarbel u jaħdem fuqha, u li fl-aħħar sena l-istess Kunsill għadda lill-ministru. Din il-mizura hija mportanti ferm għaliex b’dan il-mod inkunu qed nippromovu aktar l-edukazzjoni u l-kunċett ta’ lifelong learning. B’dan il-mod ukoll nemmnu li ser inkunu qed nibnu pont bejn l-istudenti kollha, mingħajr ma nħallu l-eta taffettwa l-edukazzjoni.

National Skills Council u r-riċerka

Il- Kunsill jinstab ukoll kuntent li se jitwaqqaf in-National Skills Council fejn se jkunu studjati l-bżonnijiet tal-industrija u s-sehem tal-edukazzjoni. L-iskop huwa li b’dan tissaħħah il-kwalita, għall-edukazzjoni avvanzata u ogħla, ħalli tissaħħah il-funzjoni fis-settur. Nittamaw illi l-KSU, bħala l-link li jeżisti bejn l-istudent u l-edukazzjoni terzjarja, jiġi ikkonsultat minn dan il-Kunsill, sabiex inkunu nistgħu nibnu link tajjeb u framework b’saħħtu, għall-edukazzjoni aħjar f’dan il-livell.

L-entita l-ġdida li ġiet msemmija, u li hemm il-ħsieb li tibda topera ġewwa l-Universita ta’ Malta biex titħares il-kwalita ta’ servizzi li jiġu offruti minn kull dipartiment hija wkoll fiha nnifisha idea tajba ferm. Il-dokument tal-baġit isemmi li din l-entita ser tipprovdi servizz konsolidat għall-akkademiċi bħala għajnuna amministrattiva fuq ir-riċerka. Bħala Kunsill, ninstabu dizappuntati illi din hija l-unika haġa li l-gvern issemmi fl-asspett tar-riċerka ġewwa l-Universita ta’ Malta. Huwa minnu illi l-istess dokument tal-baġit jitratta wkoll il-fatt li intrapriżi li jimpjegaw persuni li għandhom dottorat jew qed jistudjaw għal dottorat fix-xjenza, fl-informatika u fl-inġinerija, jingħataw kreditu fiskali sa massimu ta' €10,000 meta l-impjiegi jkunu miżmuma għal aktar minn 12-il xahar. Madanakollu, meta nqisu illi qegħdin fis-sena 2015, u qegħdin naħdmu bla waqfien biex kemm jista’ jkun nagħmlu enfasi fuq l-importanza tar-riċerka, nemmnu illi hemm ħafna aktar inizzjativi li jistgħu jitwettqu mill-gvern sabiex tiġi ffaċilitata aktar ir-riċerka għall-istudent.

Studenti Għawdxin

Il-Kunsill, naturalment huwa kuntent biz-zieda li ngħatat lill-istudenti Għawdxin li qed jistudjaw f’Malta. Lil dawn, l-Gvern se jżidilhom l-allowance li jingħataw bi €300 fis-sena.

Trasport

Il-Kunsill jinsab kemxejn iddiżappuntat bis-servizz kurrenti tat-Trasport Pubbliku, u l-impatt negattiv li dan is-servizz qiegħed iħalli fuq il-problema tat-traffiku, kif ukoll bil-fatt illi il-problema tat-traffiku ma ġietx diskussa b’mod iktar ħolistiku. Nemmnu li l-istudenti universitarji u l-fatt li s-sistema ta’ trasport pubbliku għadha, sa din is-sena, waħda li l-istudent ma jistax jiddependi fuqha minħabba problemi ta puntwalita u difetti li wieħed għadu jsib fir-rottot, hija waħda mill-affarjiet li qed tikkaġuna it-traffiku fil-maġġoranza tal-ħinijiet ta’ kuljum. Għalhekk, il-Kunsill jixtieq illi meta tigi diskussa l-problema kbira ta’ traffiku eċċessiv li pajjjiżna qiegħed jiffacja, l-istudenti universitarji jittihdu f’konsiderazzjoni. Nemmnu li għalkemm huwa tajjeb li jiġi pprovdut trasport b’xejn lil-skejjel tal-knisja u dawk indipendenti, huma attwalment l-istudenti universitarji li jużaw il-karozzi taghħom ta’ kuljum, u għaldaqstant għandhom jitqiesu bħala parti essenzjali meta tiġi diskussa r-riforma. Bħala Kunsill, aħna naturalment ser inkunu qed inkomplu naħdmu, kemm mal gvern u mal-istudent, matul din is-sena biex nippromovu aktar car pooling lejn l-universita u biex jintużaw alternattivi oħra għall-karozzi privati. Madanakollu nemmnu li f’dan il-qasam il-gvern għandu jqis lilna l-istudenti bħala stakeholders importanti ferm fil-proċess tar-riforma.

Minn lenti pożitivva, bħala Kunsill nilqaw lejn il-fatt li l-liċenzja ta’ muturi ż-żghar ġiet imnaqqsa drastikament. Nemmnu li dan għandu jgħin sabiex nibdew nindirizzaw il-problema tat-traffiku. Pero, kif għedna diġa, nixtiequ illi l-Kunsill u l-gvern jiġbdu ħabel wieħed u jgħinu lil xulxin sabiex jagħmlu l-ħajja tal-istudent universitarju iktar faċli.

Taxxa anqas fuq Sports

Hekk kif il-Kunsill qiegħed kontinwament jaħdem biex jippromovi aktar l-isports, nemmnu li din il-miżura hija waħda eċċelenti li ser tkun qegħda tgħin lill-istudent. Il-baġit din is-sena pprovda li r-rata tal-VAT fuq attivitajiet sportivi, inkluż gym memberships, fitness centres, football nurseries u attivatijiet oħra tinżel minn 18% għal 7%. Ninstabu wkoll sodisfatti bil-fatt li r-rata ta’ taxxa fuq id-dħul ta’ 7.5%, li bħalissa qed tapplika għal plejers tal-futbol u waterpolo, ser tkun qed tigi estiża wkol għal kowċis u plejers ta’ kull tip ta’ sport.

Eżenzjoni għal-First Time Buyers

L-eżenzjoni mill-bolla għal first time buyers se tiġi estiża. Nemmnu li minn din il-klawżola ser ikunu qed jiggwadanjaw ħafna iż-żgħażagħ ta’ dan il-pajjiz. Nafu li l-problema tax-xiri tal-ewwel dar hija waħda li kontinwament taffettwa u tinkwieta lill-istudenti u ż-żgħażagħ Maltin, u għalhekk inħarsu minn lenti pozitivva ferm lejn din l-eżenzjoni.

Aġenzija Żgħażagħ

Dan il-Kunsill dejjem ħadem u żamm relazzjoni tajba ferm ma’ Aġenzija Żgħażagħ, li skont il-baġit ta’ din is-sena ġejna mgħarrfin li se tħejji programm ta’ ħidma għall-Youth Village u se tibda t-tieni fażi sabiex ikun hemm post residenzjali fejn iż-żgħażagħ ikunu jistgħu jorganizzaw youth exchanges u mobility projects oħra. Bħala Kunsill li jemmen ħafna f’attivitajiet extrakurrikulari bħalma huma l-youth exchanges u mobility projects, aħna nilqgħu din il-klawżola u nħarsu lejha minn lenti pożitivva ferm, u nittammaw li ninżammu nfurmati kemm jista jkun dwar dak li ser ikun qiegħed isseħħ f’dan l-aspett.

Kampanja favur l-Effiċjenza tal-Enerġija u l-Konservazzjoni tal-Ilma

Din il-kampanja hija waħda li timxi id f’id ma’ dak li s-sottokumitat Green Campus ser ikun qiegħed jiddiskuti matul din is-sena. Għaldaqstant nittamaw li l-Kunsill jiġi kkonsultat u mistieden biex jaħdem mal-Gvern fuq din il-kampanja. Nemmnu li jekk indaħħlu lill-istudenti universitarji f’din il-kampanja u nagħmlu sforz flimkien, inkun nistgħu nilħqu ammont akbar ta’ ċittadini u nqajmu l-kuxjenza meħtiega fis-soċjeta Maltija.

Barts u l-iskola tal-infermiera Queen Mary

Bħala Kunsill ninsabu sodisfatti li dan l-investiment qiegħed fl-istadju finali tiegħu. Għalkemm nemmnu li dan l-investiment ħa jservi ta’ xprun għall-ekonomija Għawdxija, bħala Kunsill ninsabu diżappuntati li ma ġejniex ikkonsultati fl-ebda stadju, u b’hekk l-istudenti tal-fakulta tal-mediċina u tax-xjenzi tas-saħħa tħallew fl-għama. Nittammaw li dan l-investiment ma jkunx ta’ xkiel għall-fakultajiet imsemmija.

ESPLORA

Bhala Kunsill nilqghu b’sodisfazzjon l-aħbar li ha jiġu nvestiti ammont ta’ flus biex jinbena ċentru tax-xjenza li ser ikun qiegħed jinkludi programm ikkordinat mal-iskejjel. Nemmnu li permezz ta’ dan l-investiment ser inkomplu nippromovu x-xjenza bħala karriera biex b’hekk nisfruttaw l-opportunajiet kollha  li dan is-settur iġib miegħu.

Education Malta

Filwaqt li nemmnu li fiha nnifisha din hija idea tajba, nammettu li kienet  tkun ferm aktar effettiva li kieku din l-inizzjattiva ttieħdet qabel per eżempju ma bdew id-diskussjonijiet rigward l-American University of Malta. Dan kollu f’ambitu ta’ pjan sostenibbli fis-settur tal-edukazzjoni.

Introduzzjoni ta’ aktar Bike Racks

Ninsabu sodisfatti ħafna bl-introduzzjoni ta’ din il-mizura, għax b’hekk il-Gvern qed jinċentiva aktar użu ta’ roti. Dan il-pjan jimxi id f’id mal-Green Travel Plan li bħala Kunsill sena wara sena naħdmu biex inkomplu insaħħuh.

Penali aktar ħorox ghal min jinqabad isuq xurban

il-Kunsill preċedenti ħadem fuq kampanja flimkien mal-għaqdiet studenteski MMSA u MHSA, kif ukoll ma’ Transport Malta u għaqdiet Non-Governattivi biex iqajjem aktar għarfien dwar ir-riskju tas-sewqan wara il-konsum tal-alkohol. Għalhekk ninsabu kuntenti illi ħraxu il-penali ghal min jinqabad isuq taħt l-influwenza tal-alkoħol li hija problema li tifni l-ġenerazzjoni żaghżugħa. Dawn il-penali ha jkunu msaħħa permezz ta’ introduzzjoni ta’ aktar breathalyzers - proposta li kien ħareg il-Kunsill fil-policy paper tiegħu is-sena li għaddiet.

Konklużżjoni

Fl-aħħar mill-aħħar, KSU jemmen illi dan il-baġit kienet wieħed possittiv li bl-ebda mod ma affettwa lill-istudent negattivament. Madanakollu, nittamaw illi l-gvern jikkonsidra il-punti li qegħdin naghmlu f’dan ir-rapport, ewlinament il-problema tat-traffiku, u in-nuqqas ta investiment fejn tidħol ir-riċerka. Nittamaw illi matul din is-sena li ġejja l-istudenti jiġu kkonsultati kemm jista’ jkun fl-asspetti li jikkonċernawh, sabiex inkunu nistgħu naħdmu id f’id fl-aqwa interess tal-istudent.

myKSU Login

Corporate Partners

 

 

Get in Touch

  • Student's House
    University of Malta
    Msida - MSD 2080
  • +356 2340 2104
  • This email address is being protected from spambots. You need JavaScript enabled to view it.