L-Għaqda tal-Malti – Università twaqqfet minn żewġ studenti tal-Mediċina, Rużar Briffa u Ġużè Bonnici, fis-26 ta’ Jannar 1931. Fl-istess sena bdew joħorġu Leħen il-Malti, rivista li għadha toħroġ sal-lum. Matul is-snin mexxew l-Għaqda l-Professuri Pietru Pawl Saydon, Ġużè Aquilina, Dun Karm Sant u Oliver Friggieri.

Fl-1988, b’inizjattiva tal-Prof. Friggieri, it-tmexxija għaddiet f’idejn l-istudenti, bl-ewwel president ikun George Said. Fost il-ħidma li twettqet matul is-snin insibu l-ewwel Kungress Letterarju Malti (1993), it-twaqqif tal-mafkar lill-Poeta Nazzjonali fil-Furjana (2000), inħawi fl-Università msemmija għal kittieba Maltin magħrufa, korsijiet speċjalizzati, tnedijiet ta’ kotba, il-pubblikazzjoni tas-Sensiela Vassalli u l-organizzazzjoni ta’ konferenzi f’ġieħ Dun Karm Psaila u Mikiel Anton Vassalli.

F’dawn l-aħħar xhur l-Għaqda fittxet li tinvesti aktar fi proġetti edukattivi u interdixxiplinarji, speċjalment għaż-żgħażagħ. Uħud mill-punti li ħdimna fuqhom huma:

- Programmi ta’ kitba kreattiva: sabiex jiżdied il-qari qabelxejn irid ikun hawn materjal tajjeb għall-qari, u sabiex nagħtu l-kontribut tagħna minn dan il-lat qed naħdmu qatigħ sabiex l-Għaqda tipprovdi korsijiet ta’ kitba kreattiva, bit-tama li ħames jew għaxar snin oħra jkollna kittieba mħarrġa sew. S’issa saru tnejn: Taħżiż (16 - 35 sena), b’kollaborazzjoni mal-Aġenzija Żgħażagħ u l-Fondazzjoni AWL, u Inħarrfu l-Ħrejjef (8 - 14-il sena), b’kollaborazzjoni mat-Teatru Salesjan u s-Salesjani Juniors.

- Pubblikazzjonijiet: ngħiduha kif inhi, inti u tfittex xogħol, speċjalment tkun għadek ħiereġ mill-Università, ħaġa sabiħa li fuq is-CV ikollok biblijografija. U dan l-Għaqda tifhmu wkoll, tant li tagħti l-opportunità lill-istudenti jkollhom kitbiet fl-istess rivista ma’ akkademiċi stabbiliti. Dan tagħmlu permezz ta’ Leħen il-Malti, li ilha toħroġ sa mis-sena tat-twaqqif tal-Għaqda. Noffru wkoll opportunitajiet oħra; pereżempju l-parteċipanti ta’ Inħarrfu l-Ħrejjef kellhom ktejjeb ippubblikat b’kitbiethom, l-istess dawk ta’ Taħżiż.

L-Għaqda bniet ukoll relazzjonijiet tajbin ma’ entitajiet li mhumiex bilfors mill-qasam tal-Malti, minħabba r-relevanza ovvja tal-lingwa f’oqsma diversi. Fl-2013, l-Għaqda rċeviet il-Premju tal-President għall-Kreattività, u llum tgħodd ’il fuq minn 400 membru, bi prospettivi sbieħ għall-futur.

President: Sephora Francalanza
Indirizz elettroniku: This email address is being protected from spambots. You need JavaScript enabled to view it.
Facebook: https://www.facebook.com/ghaqdamalti/